<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

22.6.06

Ħames lustri u tlieta

Fejn jidħol il-futbol, u ġieli anki fejn ma jidħolx, kont mingħalija li t-22 ta' Ġunju kienet dejjem ġurnata misħuta. Minkejja li suppost ikun diġà daħal is-sajf, meta kont għadni l-Ingilterra, it-22 ta' Ġunju ta' spiss kienet tagħmel ix-xita. U fil-fatt, sa ftit sas-snin ilu, din id-data kont nistmerrha daqs il-25 ta' Diċembru.



22 ta' Ġunju 1996 – Tliet lustri u tlieta
Chelmsford, L-Ingilterra
Kwarti ta' Finali ta' l-UEFA '96, Ingilterra vs. Spanja


Mhux biss kont għadni kemm lestejt l-A-Levels, imma kont tlaqt mill-boarding school darba għal dejjem. Kont qed nistenna li jasal Lulju biex naqbad il-pullman lejn ix-xatt Mediterran ta' Spanja. Iz-ziju Żepp, dilettant kbir tal-futbol u tal-logħob tal-karti, ġie minn Malta biex iqatta' ġimagħtejn għand missieri, u ħuti, li jżommu ma' l-Ingliżi, għal grazzja t'Alla kienu ħarġu. Il-logħba nistgħu narawha bil-kwiet, u jekk jiskorjaw l-Ispanjoli nista' nifraħ u ngħajjat kemm irrid, għax m'hu se jieħu għalih ħadd...

Tibda l-partita u f'kemm ili ngħidlek jaslu xi klijenti ta' missieri. Minchia. Mhux biss jiddeċiedu li joqogħdu jaraw il-logħba fis-salott tagħna, iżda ftit minuti wara nsib ruħi nipprepara toast u kafè għal kulħadd. Kulħadd b'ġuħ ta' nagħma donnu ilhom tliet ijiem mingħajr ma naqqru xejn. L-ewwel taqsima ma rajthiex. Fit-tieni taqsima, jew forsi fil-ħin barrani għax il-lum ma niftakarx, ir-referì jħassar gowl ta' Spanja bi żball, u jien ikolli noqgħod kwiet. Imbagħad il-penaltis: Hierro jolqot il-mimduda, u Seaman iwaqqaf il-penalti ta' Nadal. Inġustizzja kbira... but at least, football was not to come home...



22 ta' Ġunju 2002 – Erba' lustri u erbgħa
Alcalá de Henares, Spanja
Kwarti ta' Finali tat-Tazza tad-Dinja '04, Spanja vs Korea t'Isfel


Spiċċaw l-eżamijiet, ma baqagħli xejn x'nikkoreġi, nibda nippjana l-vjaġġ ta' l-Interrail fl-Italja u l-Greċja. It-tfajla ta' l-aħħar avventura pseudo-amoruża tmur lura mal-boyfriend, iżda ma jimportax. Anzi, ferħan li l-istorja ntemmet. Wara lejl twil nidħqu u nixxalaw fiċ-ċentru ta' Alcalá, immorru nieħdu l-kolazzjon fil-bar ta' l-Arġentini waqt li naraw il-logħba kontra l-Koreani. L-Ispanjoli jiddominaw il-partita. Nirbħu żgur... Il-bqija nafuh. Inġustizzja oħra, ir-reff iħassar mhux biss gowl wieħed iżda tnejn. It-tamiet ta' l-iskwadra Spanjola spiċċaw, u tista' tgħid anke l-kampjunat. Minkejja n-ngħas li għandna fuqna, wara l-logħba mmorru sal-pixxina. Hemm sħana ta' l-għaġeb... nispiċċa rieqed fuq il-ħaxix, fl-eqqel tax-xemx, u meta nistenbaħ nintebaħ li nsejt indellek il-krema... Inħraqt, u ta' ċuċ li jien kelli nagħmel kważi tliet ijiem taħt ix-xawer biex intaffi l-uġigħ...



22 ta'Ġunju 2006 – Ħames lustri u tlieta
Il-Qrendi, Malta
L-aħħar ġurnata tal-fażi tal-gruppi, Italja vs Repubblika Ċeka


Wara kważi sentejn Malta, jidher li dan se jkun l-aħħar sajf li ngawdi kollu kemm hu fil-Mediterran. Tant żagħżugħ, tant xwejjaħ, xi għaxar kili żejda, u l-element ta' misterju kulma jmur qed jgħib. Iżda m'għandix xi ngorr, għalissa. Fuq l-iskrin il-kbir tal-każin ta' Lourdes, iċ-Ċeki għoddhom qed jiddominaw il-logħba, Nedved qed joħloq ħafna periklu, u jekk it-Taljani ma jqumux fuq saqajhom hemm ċans li jisfaw eliminati. Nesta jweġġa' u jidħol Materazzi... u xi għaxar minuti wara, dan jiskorja minn korner. Fit-tieni taqsima jidher li ċ-Ċeki qatgħu qalbhom. Fl-aħħar, rebħa faċli... u l-lejla t-tiramisù tan-nanna se jkun saħansitra aktar delizzjuż mis-soltu.

B'xorti tajba, it-22 ta' Ġunju m'għadhiex il-ġurnata misħuta li kienet qabel...


Vidjo meħud minn xi stazzjon ta' l-Amerika Latina

Kummenti: 1

Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Għandna memorji differenti ta' dik il-logħba :)

24/6/06 00:31  

Itfa' kumment

<< Home