<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

15.6.06

Goleada

Din il-bandiera repubblikana ta' Spanja. L-unika bandiera li sħabi u jien konna lesti nperpru meta konna mmorru ningħaqdu mal-manifestazzjonijiet fit-toroq ta' Madrid. Din l-Ispanja li tnemnem f'qalbi, l-Ispanja liberali, moderna, li taħrab mill-pressjonijiet omoġenizzanti għax konxja tad-diversità tagħha u tad-dinja, li ma tippretendix tkun xi ħaġa li mhijiex u ma tfaħħarx wisq lilha nnifisha, għax patrijottika mingħajr ma tagħmel wisq storbju. L-Ispanja li xebgħet minn lemin maħkum mit-tentakli ta' l-opus dei (b'ittri żgħar), fejn wieħed jista' jirrespira u jiftaħ il-pulmun mingħajr ma jibża' mill-intenzjonijiet ta' dak li joqgħod maġenbu. L-Ispanja li tħares 'il quddiem, li tapprezza l-kulturi barranin daqs tagħha stess, li ma tħossx xi nostalġija oskura għal meta f'Spanja x-xemx ma kienet tinżel qatt għax mifruxa f'erba' kontinenti, u fejn l-ospitalità li tant niftaħru biha l-Maltin tinstab ta' veru, għax kulħadd mistieden, u min jirrispetta jiġi rrispetat.

L-Ispanja ta' l-erba' lingwi –jew aktar, skond kif wieħed jiddefinixxi l-kelma 'djalett'–, tal-kafetteriji u tat-tertulias, tal-filosofija u tas-sobremesas, tal-films ta' Almodóvar qabel ma biegħ ruħu lill-magna kummerċjali, tal-versi tal-kantawtur Joaquín Sabina, ciudadano del mundo, u tal-qabbiela jkantaw fil-pjazez. L-Ispanja li mhijiex ossessjonata bil-brutalità tat-toros jew b'kulur id-dmija, l-Ispanja wikkiela, karnivora u ħabiba kbira tal-ħut, li ma tħobbx tgħid li l-gastronomija tagħha aqwa minn dik tal-bqija tad-dinja. L-Ispanja li ferm diffiċli ssib bħala turista jew imqar bħala osservatur, għax ma tipprovax timponi lilha nnifisha u qalja tagħmel ħoss. L-Ispanja li nħobb jien tiskopriha fid-djalogu kordjali, u taraha wkoll fis-skiet.

U, minkejja r-rwol importanti li kellu r-re Juan Carlos biex reġġgħu lura d-demokrazija wara l-mewt ta' Franco u evitaw gwerra ċivili oħra, l-Ispanja li għadha tistenna li jittieħed l-aħħar pass lejn is-sovranità tal-poplu: it-tmiem tal-monarkija u tal-privileġji li għadha tgawdi minnha n-nobbiltà.

Iżda meta niġu għall-isports, kull bandiera żejda, inkluża dik tar-Repubblika. Erba' snin ilu, fi żmien it-Tazza tad-Dinja tal-Korea u l-Ġappun, ma kellniex bżonn bnadar, flokkijiet, xalel jew innijiet nazzjonali biex urejna l-appoġġ tagħna lis-Selección. Kienu sfortunati ħafna f'dik l-edizzjoni tal-kampjunat, għax kontra l-Koreani ħassrulhom żewġ gowls li kienu totalment leġittmi, u misshom rebħu. Niftakru sew dak il-jum, għax kumbinazzjoni kien għeluq snini –erba' lustri u erbgħa, numru tond–, il-partita xandruha fil-għodu u konna għamilna l-lejl kollu nixxalaw fit-toroq ta' Alcalá. Komplejna l-festa fuq is-sufani tal-bar Arġentin, dak li kellu jagħlaq ftit wara u floku poġġew stabbilment ta' fast tapas b'dwal tan-neon jgħammxulek għajnejk. Logħba veloċi, il-Koreani perikolużi, l-Ispanjoli jqassmu aħjar il-ballun. 0-0 fil-brejk. Fil-bidu tat-tieni taqsima jiskorja Baraja, iżda r-referì Eġizzjan isaffar fawl ineżistenti. Puyol jiddefendi tajjeb ħafna, Casillas ma jibża' minn xejn u jwaqqafhom kollha. Il-ħin miżjud. Morientes idaħħal il-ballun bejn il-lasti, iżda r-reff jivvinta xi waħda u l-gowl jiġi annulat. ¡Me cago en la puta! Konfoffa Ażjatika żgur, lit-Taljani se jtuhom raġun. Tisfira finali. Penaltis. 3-3. Kulħadd fuq ix-xwiek. Dak il-mingħul li elimina lit-Taljani jiskorja. 4-3. Il-biża'. Ir-riġlejn jirtogħdu. Jitla' Joaquín, imkisser wara kull ma ħadem tul il-logħba. Jekk ma jiskorjax jinfetħu bwieb is-sema. Jixxuttja... bla saħħa. Il-Koreani jiskorjaw l-ħames penalti... y se acabó.


Iżda dak il-kampjunat ġie u għadda. U donnu din is-sena ta' Spanja. Fl-isports, s'intendi. Is-sena u anki dawn l-aħħar ftit ġimgħat. Nadal għadu kemm kaxkar ir-Roland Garros għat-tieni darba konsekuttiva. Alonso, kampjun tal-Formula 1, rebaħ f'Silverstone għaxart ijiem ilu. U l-lum lill-Ukranjani tajniehom erbgħa, se nispiċċaw il-grupp b'disa' punti, u hemm ċans kbir li niltaqgħu mal-Koreani fl-aħħar 16. Hekk nispera, ħa npattuhielhom!

Kemm ħadt gost nara u nisma' l-logħba... kumbinazzjoni l-bieraħ sirt naf li tista' tara l-partiti live fuq l-internet fl-ESPN2. Il-kummentarji jkunu bl-Ingliż Amerikan (u ngħid is-sewwa, niskanta kemm jafu dwar il-futbol, anki fejn tidħol din il-logħba huma ffissati fl-istatistiċi!), iżda baxxejt il-volum u qgħadt nisma' r-radju Cadena Ser. Dil-partita kelli nismagħha bl-Ispanjol, ħa nisma' lill-preżentaturi jifirħu u jkarkru għal sekondi twal l-o tal-kelma gol...

Ikklikkjaw hawn biex tisimgħu l-ewwel gowl (u l-ferħ tal-kummentaturi), ta' Xabi Alonso, u hawnhekk biex tisimgħu t-tieni, il-free-kick ta' Villa. L-isbaħ wieħed, però, kien dak ta' Torres għaxar minuti qabel it-tmiem... Puyol iserrep u jilgħab 1-2 ma' Fábregas, jitfa' l-ballun ġol-kaxxa u Torres jixxuttja b'nofs voli dritt fil-gowl... tremendo. Bellezza. Kif bdew jgħajtu l-partitarji Spanjoli fit-tieni taqsima: ¡Sí, sí, sí, nos vamos a Berlín!




Il-Koreani fl-aħħar 16, il-Brażil fil-kwarti ta' finali, imbagħad forsi l-Ingilterra (x'estażi kieku jirbħulhom lill-Ingliżi!)... u fil-final, tgħid jiltaqgħu mat-Taljani? Imbagħad jien ma' min se nżomm?? Iebsa din... imma wisq probabbli ma' l-Ispanja Repubblikana.

Kummenti: 9

Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Sabiħa din il-bloggata, l-iżjed fejn tidħol l-analiżi politika/storika/kulturali tiegħek ta' Spanja. Iżda inkwantu l-futbol, naħseb li qiegħed tara kbir wisq! :)

Jekk ikolli ċans nikteb xi ħaġa fuq Spanja... u wkoll dwar il-frustrazzjoni li flok jegħlbek it-tim avversarju jqalftek 'il barra r-referi. Kull partitarju Ingliż jaf sewwa x;jiġifieri! :)

15/6/06 09:14  
Blogger Arcibald qal/qalet...

Tghid izzidni mal-kontributuri Twan forsi nikteb xi bloggata satirika futboleska? :)

15/6/06 10:09  
Anonymous Maria qal/qalet...

Sabiħa din, anki għax mhix esklużivament
ta' natura kalċistika...

Bilħaqq, taf x'jonqos hawnhekk? M'hemmx ħoloq sabiex il-qarreja jkunu jistgħu jmorru lura għall-bloggati mhux "reċenti", jew ghallinqas jiena ma sibtx.

15/6/06 11:56  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi nies. Baldu, mela le, merħba bik ras! Issa nibagħtlek stedina. Maria, għandek raġun, se nipprova nżid arkivju mal-ġenb.

Għadu kmieni Kevin... imma jekk Spanja u l-Brażil jiltaqgħu fil-kwarti ta' finali u dawn jilagħbu bħalma għamlu kontra l-Kroazja, naħseb li jirbħu Spanja...

15/6/06 12:51  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Flok nagħmlu l-arkivji, nistgħu wkoll inħallu l-bloggati kollha jidhru fl-ewwel paġna.

Naħseb hekk ikun eħfef u iżjed prattiku, speċjalment għall-viżitaturi l-ġodda għax ikunu jistgħu jaraw kollox mill-ewwel.

Jiena beħsiebni wkoll ntella' l-bloggati li qiegħed nikteb hawn fil-blogg Ħġejjeġ. Iżjed 'il quddiem forsi niżviluppahom iżjed, għax għandi ħafna xi ngħid imma ħin ftit li xejn.

Bdejt ukoll sensiela bl-isem Paġni Magħżula mid-Djarji ta' Ħalliem. Bażikament dawn huma paġni mid-Djarji Ħbieb tiegħi li żammejt mill-1995 sa 1997.

Suppost kelli nintroduċiha u nibdiha ftit taż-żmien ilu, iżda dan l-aħħar kont imħabbat ħafna u ftit li xejn kelli ħin. Iżda ladarba qegħdin fi żmien it-Tazza tad-Dinja, iddeċidejt li nibdiha b'paġni/rakkonti dwar il-partiti ta' l-Ingilterra tal-Kampjonat Ewropew 1996, li kien sar proprju fl-Ingilterra għaxar snin ilu. Dak iż-żmien kont għadni kif spiċċajt il-Form 5 u l-O Levels. Kelli biss 16-il sena.

15/6/06 13:28  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Imma l-paġna kieku ddum ħafna ma titla' Kevin, bl-istampi kollha li hemm. Għadni kemm żidt l-arkivju mal-ġenb.

Paġni Magħżula mid-Djarji ta' Ħalliem titlu li jogħġobni ħafna... prosit ħej :) Baked beans u mhux baked beans, qed nieħu ħafna fost naqra l-perspettiva tiegħek :)

Kompli oħlom, għax jaqbillek...

15/6/06 14:55  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

gost, mhux fost... żball tat-tipa

15/6/06 14:57  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

U mur tnejjek! :P

15/6/06 15:50  
Anonymous Andoni qal/qalet...

Vieron el blog de Lionel Messi?

http://blogdelio.wordpress.com

15/6/06 19:57  

Itfa' kumment

<< Home