<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

15.6.06

Grupp H, Ġurnata 1; Grupp A, Ġurnata 2

Bejn il-lejla u għada se nibda nitkellem dwar il-lingwa tal-futbol, bil-għan illi ndommu glossarju ta' kliem kalċistiku bil-Malti u bl-Ingliż (u x'aktarx anki bit-Taljan). Ta' kuljum se nkun qed nislet xi termini u espressjonijiet li jintużaw fil-gazzetti Maltin. Kelma li laqtitni ħafna dan l-aħħar hija frikik, użata darba wara l-oħra fit-Torċa u fl-Orizzont. L-ewwel darba li rajtha deherli li kien jonqosha k oħra fit-tmiem, iżda mbagħad ftakart fil-partiti li kont nilgħab ta' tifel ma' sħabi tar-raħal, fil-grawnd jew f'dik it-triq wiesgħa li hemm bejn il-knisja u l-iskola. Kif jiġri ta' spiss f'ilsna oħra, u mhux biss fi kliem relatat ma' l-isports, il-pożizzjoni tas-sillaba tonika tinbidel, u l-aċċent jista' jiġi spostat sew lura sew 'il quddiem. Fl-Ispanjol, per eżempju, il-kelma Ingliża -nal-ty minn żdruċċjola saret watija (pe-nál-ti); fil-Franċiż u fil-Portugiż, il-kelma watija foot-ball saret tronka (Fr. foot-ball, Port. fu-te-bol). Għalkemm mhux dejjem faċli tiskopri r-raġuni eżatta għal dan it-tibdil, ġeneralment isir minħabba n-natura tal-vokali tal-lingwa li tkun, aktar milli minħabba regoli stretti tal-fonetika. L-eżempju Franċiż –sorprendenti mill-punt di vista ta' l-ortografija meta tqis it-tradizzjoni qawwija ta' trażlitterazzjoni li ġejja mis-seklu XVIII– jispjega ruħu faċilment għax f'din il-lingwa l-kliem kollu huwa tronk; fl-eżempju Portugiż, is-sekwenza –tb– tinstema' innaturali u kienet meħtieġa l-introduzzjoni tal-vokali e, maħtufa, li mbagħad min-naħa tagħha ikkaġunat l-ispostament ta' l-aċċent biex tevita kelma żdruċċjola. Biex immorru lura għall-kelma Maltija, il-Maltin ma jgħidux fri-kikk iżda fri:-kik, wisq probabbli biex l-ee ta' free tibqa' tinstema' bħala i twila. Ħaġa li qatt ma stajt nifhem hija għala ngħidu handsball flok handball, imma dik storja differenti.

Insomma, tawwalt ftit u ma nixtieqx nimla dan il-blogg b'wisq kliem tekniku; jekk inkompli nidħol fl-irqaqat inwegħidkom li dan nagħmlu fuq il-blogg tal-Maqluba. Nirreproduċi hawn isfel xi frażijiet li sibt fil-gazzetti Maltin b'referenza għall-partiti tal-bieraħ. (Ikkoreġejt l-iżbalji ortografiċi, u indikajt il-kliem interessanti li beħsiebni nislet għall-glossarju).



Spanja 4 Ukrajna 0

Fuq din il-logħba tkellimt hawnhekk. F'Spanja diġà ppolitiċizzaw il-goleada. Zapatero jsemmi l-Ispanja plurali. Mariano Rajoy, tal-Partido Popular, jitkellem dwar «il-kburija leġittima ta' l-eqdem nazzjon fl-Ewropa». L-eqdem nazzjon? Skond liema ktieb, señor Rajoy?

Imbagħad l-awto-ironija li tikkaratterizza l-psike ta' biċċa kbira mill-popolazzjoni Spanjola:


Miskin, mhux imdorri jirbaħ, u dażgur, imbagħad jiġru dawn l-affarijiet...


Mill-Orizzont:

«Għalkemm għadu kmieni biex wieħed jikkunsidra lill-Ispanjoli bħala sfidanti kbar għar-rebħ tat-titlu, il-plejers tagħhom taw wirja kbira f’kull dipartiment li tawguralhom għall-futur.

B’din ir-rebħa t-tim ta’ Luis Aragonés issa ilu 23 partita konsekuttiva ma jsofri telfa.

Spanja marru fil-vantaġġ wara 13-il minuta. Korner minn fuq ix-xellug minn Xavi ħoloq paniku fid-difiża ta’ l-Ukrajna u XABI ALONSO bir-ras sab ix-xibka.

Erba’ minuti wara l-iskor irdoppja u din id-darba kien DAVID VILLA li dirett minn frikik minn barra l-kaxxa ra l-ballun jixxellef ma’ ras Andri Rusol fil-barriera avversarja u jqarraq bil-gowlkiper Olexander Shovkovsky.

Il-kowċ ta’ l-Ukrajna, Oleg Blokhin, daħħal żewġ attakkanti wara l-intervall, Andriy Vorobei u Oleg Shelayev, iżda l-pjan tiegħu ġie mgħarraq wara biss żewġ minuti meta Vashchuk intwera l-karta l-ħamra għax ġibed lil Torres, u mill-11-il metru VILLA għamilhom 3-0.

Wara dan il-gowl Villa ġie mserraħ u floku daħal Raul.

FERNANDO TORRES issiġilla r-rebha bir-raba’ gowl b’xutt fuq il-ġirja disa’ minuti mit-tmiem.»


L-artiklu tal-MaltaRightNow ma sibtux. Hawnhekk il-filmat ta' l-isbaħ siltiet.

Tuneżija 2
Għarabja Sawdita 2

Kif diġà aċċenna Nigredo, din kienet logħba miftuħa u divertenti ħafna, speċjalment it-tieni taqsima. L-artiklu tal-MaltaRightNow ma fihx sugu. Mill-Orizzont:

«[...] fis-57 minuta YASSER AL QAHTANI kiseb id-dro bi ġmiel ta’ gowl b’xutt mill-ewwel fuq kross ta’ Noor għalkemm issikkat minn żewġ difensuri.

Sitt minuti mit-tmiem is-Sawdi reġgħu skurjaw u deher li kien se jkun il-gowl tar-rebħa. Id-difiża Tuneżina nqabdet f’kontrattakk, is-sostitut SAMI AL JABER avvanza waħdu minn nofs il-grawnd u b’xutt fil-baxx għeleb lil Ali Boumijel għat-tieni darba.»


Roger Lemerre, il-kowċ tat-Tuneżija, jisfida lit-tim Spanjol:

«B’dan ir-riżultat nistgħu nkomplu naħdmu b’moral għoli. Il-logħba li jmissna hija kontra l-favoriti tal-grupp, Spanja, iżda fuq dak li wrejna llum għandna biex noffrulhom sfida denja

Hawnhekk il-filmat.

Il-klassifika tal-Grupp H wara l-ewwel ġurnata:



---


Ġermanja 1
Polonja 0

Il-MaltaRightNow iħallu ħafna kliem bl-ortografija Ingliża: goaler, goal, ground, round. Mill-Orizzont (wara li rranġajt daqsxejn il-punteġġjatura):

«Gowl fil-ħin miżjud ta rebħa mistħoqqa ta’ 1-0 lill-Ġermanja fuq il-Polonja b’dawn ta’ l-aħħar jinsabu ferm viċin li jisfaw eliminati.

[...] ir-riżultat ta’ 1-0 ma jirriflettix l-andament tal-partita minħabba li l-iskor seta’ kien akbar li kieku approfittaw mill-okkażjonijiet li ħolqu, speċjalment fl-aħħar żewġ minuti meta laqtu l-mimduda darbtejn [...].

Iżda hekk kif deher li l-partita kienet ser tispiċċa fi dro ta’ mingħajr gowls, OLIVER NEUVILLE rnexxielu jixħet lill-partitarji tiegħu f’dellirju ta’ ferħ [...].

Sa dak il-ħin il-Pollakki kienu qed jagħlqu l-ispazji, tant li l-Ġermaniżi bdew isibuha xi ftit diffiċli biex jinfdu d-difiża [...].»

Il-kummenti ta' Klinsmann:

«Ridna aktar veloċità fil-logħob tagħna. Iż-żewġ plejers li daħħalt huma veloċi u ġabu ftit tal-ħajja fil-logħba

U hawnhekk il-filmat.

Daqshekk għalissa... inkomplu aktar tard. Ħudu gost!

Kummenti: 1

Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

Re: HandSball:

Forsi ghax ma tantx nghidu handsball/handball imma semplicement "hands". U "hand" tinstema banali.


forsi.

15/6/06 18:59  

Itfa' kumment

<< Home