<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

11.6.06

Gruppi B - C, Ġurnata 1

Lame Duck Surprise:
Ingilterra 1 Paragwaj 0

Mela. FC Baked Beans rebħu b'ċikka lill-Paragwaj. Il-partita rajtha l-Belt, flimkien ma' Ereżija. Ma tantx konna moħħna fil-futbol, naħseb li ma għedniex aktar minn tliet sentenzi fuq il-logħba. L-awtogowl tlifnieh, u minbarra xi ftit uuj!, istra!, kważi kważi! 'l hawn u 'l hemm, ġeneralment kienet partita għajjiena. Kif jixhed il-filmat tal-ftit azzjoni interessanti li kien hemm, wara bidu mhux hażin, l-Ingliżi raqdu, u fit-tieni taqsima l-Latinoamerikani bilkemm ma sabux il-gowl tad-dro. Beckham u Rooney tnejn mill-plejers favoriti tiegħi, imma ta' l-ewwel (minkejja l-gowl) m'għadux li kien, u tat-tieni, miskin, għadu nieqes.

Naqbel ħafna ma' Jacques. Il-ballun uffiċċjali tal-kampjunat –it-Teamgeist (balón galáctico skond il-gazzetta El Mundo)– jidher ħafna eħfef mill-blalen normali, u forsi jdur wisq meta jkun fl-ajru; ta' l-inqas, ħafna aktar mir-Roteiro, il-ballun ta' l-UEFA 2004 (minkejja l-isem ta' dan). Żgur mhuwiex ballun iddisinjat għal dawk li jiddefendu l-lasti – fil-fatt, Lehmann diġà kien ilmenta li jiżloq faċilment minn bejn l-idejn ftit ġimgħat qabel il-bidu tat-turnew. Mhux ta' b'xejn qegħdin naraw ħafna plejers jixxuttjaw mill-bogħod... għalkemm Lampard, mingħalih xi ħelu għax jilgħab maċ-Chelsea*, ipprova xi darbtejn minn barra l-kaxxa mingħajr suċċess. *Kemm biex ninbex ftit lil sieħbi l-Imżebbel, li jżomm ma' l-Ingliżi :-)




Nota pirsonalissamente pirsonali: Nies, fil-każini, mal-karozzi u fuq il-bjut, inħoss li qegħdin iperpru wisq bnadar ta' l-Ingilterra. Kulħadd iżomm ma' min irid, imma... tgħid naraw l-istess ammont ta' bnadar ta' l-Italja meta tasal l-ewwel logħba tagħhom? Kemm se ddum dil-iskiżofrenija tant soffokanti, dal-atteġġjament kolonjali tant imwaħħar? Biex nuża espressjoni daqsxejn volgari: kemm se ndumu nqażżu 'l Alla?

Isfar, isfar kullimkien: Trinidad u Tobago 0 Żvezja 0

F'Dortmund, il-belt tal-Borussia, bħas-soltu l-isfar kien il-kulur predominanti. Ma sabux ix-xibka, imma l-Iżvediżi attakkaw kważi l-ħin kollu. Tajba ħafna però d-difiża tal-Karibej, minkejja t-tkeċċija ta' wieħed mill-plejers tagħhom; u tajjeb ħafna l-gowlkiper Shaka Hislop, ta' 37 sena iżda żvelt bħallikieku għad kellu 21. Larsson, Ibrahimovic u Ljungberg baqgħu frustrati... u l-allegrija tal-plejers ta' Trinidad u Tobago mat-tisfira finali kienet meritata.

Tgħidx kemm nifraħ jekk l-Ingliżi jbatu u saħansitra jitilfu kontra l-eks-kolonja tagħhom... kif jgħid il-Gybexi, is-Schadenfreude element importanti ħafna fl-eċċitament tal-futbol.

Ikklikkja hawn biex tara l-isbaħ siltiet tal-logħba.

Woman of the match:



Il-klassifika tal-Grupp B wara l-ewwel ġurnata:



U wasal l-ispettaklu:
Arġentina 2
Kosta ta' l-Avorju 1

Niggustahom l-Arġentini. Brikkuni, veru, għalkemm mhux daqs kemm kienu fl-imgħoddi, u żgur mhux daqs it-Taljani. Għandhom stil tajjeb, huma veloċi, u jikkonvinċu ħafna aktar milli setgħu jagħmlu fl-2002. Il-gowl ta' Crespo kien makakk, imma ta' Saviola għoġobni ferm. Issa, il-mistoqsija: kien jew ma kienx offside? (Nota: fil-lingwa Ċeka jiktbu ofsajd...) L-irqaqat tar-regoli ma nafhomx, Saviola żgur kien f'pożizzjoni regolari meta qassmu l-ballun, imma kien hemm plejer ieħor lil hinn mil-linja immaġinarja tad-difiża Affrikana. Ma nafx... għiduli intom.

Il-futbol tal-Kosta ta' l-Avorju niggustah ukoll. Bl-enerġija u bid-determinazzjoni li kellhom, aktar u aktar fl-aħħar parti tal-logħba, forsi kien ħaqqhom dro. Hawnhekk il-filmat. Madankollu, naħseb li Stoichkov kien qed jeżaġera meta qal li m'għandhomx ikollhom problemi biex jgħaddu għall-aħħar sittax. Drogba u mhux Drogba, l-Avorjani mistennijin isofru mhux ftit kontra l-Olandiżi. It-tim tas-Serbja u l-Montenegro mhumiex pupazzi lanqas: għandhom tattika tajba, u fil-fażi tal-kwalifikazzjoni kienu rebħu l-grupp... Spanja ġew it-tieni.

Wieħed mill-plejers Avorjani li ma kellhomx ix-xorti jilagħbu kien Guy Demel. Ħasra, għax kieku ħareġ, kien iħossu qisu d-dar: Demel huwa plejer regolari ta' l-FC Hamburg. Imma insomma... il-Kosta ta' l-Avorju se jkollhom ifittxu l-fertilità xi mkien ieħor.

---

Għada nkomplu. Se naraw lill-Olanda, lill-Messiku... u lill-Portugall, is-subkampjuni ta' l-Ewropa. Logħba interessanti kontra l-Angola, kolonja Portugiża sa l-1975. Se jkun hemm Cristiano Ronaldo, il-ġenju tal-Man Utd, kif ukoll Figo u xi erba' plejers spettakolari oħra. Il-Portugall qed nispera li f'din l-edizzjoni tal-kampjunat imorru 'l bogħod, speċjalment wara d-disfatta li kellhom kontra l-Koreani erba' snin ilu... imma għada jmiss ix-Schadenfreude, u jiena se ngħid: Angola Avante!

Kummenti: 1

Blogger nigredo qal/qalet...

jiena d-design tal-ballun intrigani, tipo sanitary towels... x'kienu qed jahsbu?

11/6/06 07:07  

Itfa' kumment

<< Home