<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

16.6.06

Gruppi A-B, Ġurnata 2

Ekwador 3
Kosta Rika 0

Mill-Orizzont:

«[...] gowl kmieni wara biss tmien minuti minn daqqa ta’ ras ta’ Carlos Tenorio witta t-triq għar-rebħa ta’ l-Ekwador li sal-mistrieħ għarfu jikkontrollaw tajjeb.

Għalkemm fit-tieni taqsima Costa Rica ħarġu aggressivi, fl-54 minuta l-Ekwador qatlu l-entużjażmu tagħhom meta skurjaw it-tieni gowl b’Agustin Delgado jirbaħ 'loose ball' (¿?), ikkontrollah b’sidru u tefa’ fir-rokna tax-xibka.

Costa Rica kienu għoddhom naqqsu d-distakk meta laqtu l-mimduda biex* fil-ħin miżjud f’kontrattakk l-Ekwador għamluhom 3-0 b’Ivan Kaviedes ma jfallix minn quddiem il-gowlkiper Porras.»

* Hawnhekk inħoss li tistona ħafna l-kelma biex. Fl-aħbarijiet sportivi jabbużawha ħafna. Il-Kosta Rika laqtu l-mimduda għax riedu li l-Ekwador jagħmluhom 3-0? Ovvjament dan huwa kalk fuq l-espressjoni Ingliża "only for", eż. "Costa Rica hit the bar, only for Ecuador to make it 3-0 in injury time". Jiġifieri li x-xutt tal-Kosta Rika ma serva għalxejn, mhux li serva biex jiskorjaw l-avversarji. Safejn naf jien il-prepożizzjoni biex ma għandhiex il-konnotazzjoni tal-frażi avverbjali ta' l-Ingliż. Per eżempju, meta ngħidu:

«Jones skorja biex imbagħad Camilleri ġab id-dro»

din fil-fatt tfisser li l-gowlkiper kien mixtri biex wara li jiskorja Jones iħalli lil Camilleri jiskurjalu!

Insomma, tajbin ħafna il-gowls ta' l-Ekwador, u mill-ftit li stajt nara l-plejers jidhru tassew b'saħħithom. Hawnhekk il-filmat. Imsejknin l-Ingliżi jekk jiltaqgħu magħhom għax ma jiqfux jiġru, għalkemm l-ewwel irridu naraw kif imorru kontra l-Ġermaniżi.

Il-klassifika tal-Grupp A wara t-tieni ġurnata:


---

Ingilterra 2
Trinidad u Tobago 0

Prosit Ingilterra. Il-bieraħ ir-reġina kienet qiegħda tiċċelebra għeluq sninha (li proprjament kien f'April) fil-katidral ta' San Pawl, u l-plejers tawha happy frickin' birthday billi wrew is-superjorità tagħhom fuq l-iskwadra ta' arċipelago xemxi li sas-sittinijiet kien għadu kolonja Brittanika. Mill-ġdid qed inħallat il-ħass mal-bass u qed inħalli l-avverżjoni tiegħi lejn il-viżjoni anglo-ċentrika tad-dinja tesprimi ruħha fid-diskors dwar il-futbol. Mhuwiex preġudizzju iżda r-riżultat ta' l-esperjenza; min-naħa l-oħra, ma għandi l-ebda intenzjoni noffendi 'l ħadd, u għalhekk min jieħu għalih jista' jmur jeħodha l-bank.

Għadni ma nistax nifhem għala l-Imżebbel interpreta l-kummenti tiegħi bħala attakk personali. L-argument tiegħek nifhmu: int iżżomm ma' l-Ingliżi għax ilek trabbi ammirazzjoni u mħabba lejn il-futbol Ingliż sa minn meta kont żgħir; hija kwistjoni ta' futbol u xejn iżjed. Xi ħsibt, li dan il-fatt ma nirrispettahx? Jien ukoll inħobb insegwi l-Premiership –l-ewwel tim tiegħi l-Man Utd–, imma bejn il-futbol tal-klabbs u l-futbol internazzjonali minn dejjem għamilt differenza, fis-sens illi jekk iżżomm ma' klabb ma jfissirx li awtomatikament trid iżżomm mal-pajjiż li fih ikun ibbażat. Il-Premiership narah bħala kampjunat internazzjonali li jintlagħab fl-Ingilterra. Mill-bqija, trid tqis li jien u int kellna esperjenzi ferm differenti, u mingħajr ma niftaħ kotba, jien għandi ħafna raġunijiet biex ma nżommx ma' l-Ingliżi fix-xena internazzjonali. Ma għandi xejn kontra l-Maltin li jżommu magħhom, wieħed jista' jifraħ bir-rebħiet tagħhom u jiċċelebra mingħajr ma jagħmel wisq storbju; niddarras biss meta jkolli nara u nisma' l-kjass eżarċebat ta' l-għajat, tat-tixjir tal-bnadar, tal-mitejn deċibel tal-ħornijiet u tal-murtali (ma kinux erbgħa dawk li nstemgħu hawnhekk iżda erba' mija) ... qishom iridu jkunu xi ħaga li mhumiex, u din l-identità mikrija jħossu l-bżonn li jbellgħuha lill-pajjiż kollu. Kwistjonijiet ta' identità apparti, lanqas meta jarmaw daqshekk għagħa l-partitarji Spanjoli jew Taljani ma nista' għaliha.

Jiena naf u qatt ma suġġerejt li inti parti minn dak il-parossiżmu. Għalija m'hemmx rabta bejn l-Imżebbel u l-fanatiċi storbjużi tal-bieraħ. Imma mhux ovvja? Kellek għalfejn iġġibhom daqshekk bi kbar?

Lura għal-logħob, tar-rebħa tal-bieraħ nifraħlek. Sfortunatament stajt nara biss l-ewwel taqsima għax inqata' d-dawl fir-raħal kollu, imbagħad kelli x-xorti nisma' l-aħħar kwarta bil-qiegħda fuq l-għatba, permezz tar-radju tal-karozza ta' dak ta' faċċata. Ħadt aktar gost insegwi l-partita hekk, barra fl-isqaq bil-kwiet, milli fuq l-iskrin il-kbir tal-każin. Jidher li meta daħal Rooney ta enerġija ġdida lill-plejers Ingliżi kollha. Yorke lagħab tajjeb ħafna wkoll u nispera li l-Karibej jerġa' jkollhom festa kontra l-Paragwaj. Jekk jirbħu, l-Ingliżi jistgħu jagħmlulhom pjaċir billi jirbħu lill-Iżvezja b'vantaġġ ta' żewġ gowls... u issa li kważi kważi sabu l-forma, għandu jkun possibbli.

Hawnhekk il-filmat ta' l-isbaħ siltiet.

Żvezja 1
Paragwaj 0

Mill-ġdid, l-artiklu tal-MRN bla sugu. Mill-Orizzont:

«L-Iżvezja kienu l-aħjar mill-bidu u wara disa’ minuti Kim Kallstrom impenja lill-gowlkiper Aldo Bobadilla. [...]

Wara l-mistrieħ l-Iżvezja ħarġu aggressivi u għal 45 minuta ppressaw hafna b’Ljungberg jersaq viċin bi freekick * li Bobadilla dawwar tajjeb f‘korner, waqt li fis-60 minuta Marcus Allback ra l-lob tiegħu fuq Bobadilla jiġi kklerjat fuq il-linja fatali minn Denis Caniza.

Iżda l-isforzi Żvediżi ġew ippremjati minuta mit-tmiem meta Fredrik Ljungberg żmarkat quddiem il-lasta xeħet fir-rokna tax-xibka bir-ras.»


* Innutaw in-nuqqas ta' konsistenza: fl-artikli ta' l-aħħar ftit ġranet użaw il-kelma frikik.

Hawnhekk il-filmat. L-Ingliżi m'għandux ikollhom problemi biex jegħlbu lill-Iżvezja, imma xi ħaġa tgħidli li se jilagħbu biss għad-dro...

Il-klassifika tal-Grupp B wara t-tieni ġurnata:



Grazzi lil Nigredo ta' l-umoriżmu li bih ġab lura t-ton kordjali tal-blogg, lil Jacques tar-ritratti sbieħ, u fuq kollox lil Ereżija tal-bloggata ħelwa li biha reġa' daħħal l-element tan-nostalġija. Ħerqan biex inkun naf x'tkun qed tħoss meta jilagħbu t-Taljani kontra ċ-Ċeki!

Il-kontroversja, nispera, intemmet.

Kummenti: 0

Itfa' kumment

<< Home