<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

12.6.06

Gruppi C - D, Ġurnata 1

Il-Larinġa Mekkanika:
Serbja u Montenegro 0
Olanda
1

Qed jiddispjaċini daqsxejn li tlift din il-logħba –ħadt sjesta twila, għamilt dawra durella mal-gazzetti u aġġornajt it-tielet bloggata tal-firillu u l-farfett– għax skond id-deskrizzjoni ta' El Mundo, din il-partita kienet «taqbida bejn is-sbuħija estetika u l-eqdem ortodossja». Hawnhekk il-filmat ta' l-isbaħ siltiet. Rebħet l-estetika lis-sobrjetà: it-Tulipani għelbu n-nasba ta' l-offside u Robben tana gowl mill-isbaħ. Għalkemm uħud mill-plejers Balkaniċi ħarġu jikkritikaw lill-kowċ tagħhom wara l-partita, ta' min wieħed jinnota kemm hija kompatta d-difiża: fil-fatt, fl-għaxar logħbiet tal-kwalifikazzjoni qalgħu biss gowl wieħed – dak ta' Spanja.

Il-klassifika tal-Grupp C wara l-ewwel ġurnata:



Bravu, bravu pitravu:
Messiku 3 Iran 1

Imsejknin l-Iranjani - avolja l-Messikani kienu superjuri (hawnhekk il-filmat), bil-gowl li qalgħu kwarta qabel tmiem il-logħba minħabba żbalji tal-kiper u ta' wieħed mid-difensuri tilfu ċ-ċans li jiksbu l-punt tad-dro. Imbagħad ġie t-tielet gowl, ta' Zinha... bellezza, naħseb it-tieni l-isbaħ gowl li rajna s'issa, wara dak ta' Frings. Qegħdin jgħidu li Omar Bravo kien l-eroj tal-partita. Inċidentalment, qabel ma sar plejer professjonali tal-futbol Bravo kien dilettant tal-boksing, kif tistgħu taraw minn wiċċu:



Saffar, reff...
Angola 0 Portugall 1

Jekk l-Ingliżi lagħbu qishom FC Baked Beans, il-Portugiżi l-bieraħ kienu Sporting Bacalhao. Kont mingħalija li l-Portugall it-tim ta' l-aċċellerazzjoni, veloċi u ħfief daqs l-irjieħ ta' l-Atlantiku, u fl-ewwel ftit minuti tal-logħba hekk dehru: mill-bidu nett Figo ma qgħadx idur mal-lewża – ħariġha, ħaffef 'il fuq u fetaħ għal Pauleta, li messu skorja dak li probabbilment kien ikun l-aktar gowl kmieni fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja. Imbagħad il-gowl, xi ftit ċansijiet fiż-żewġ naħat tal-grawnd, u l-partita raqdet. Hawnhekk il-filmat. Cristiano Ronaldo kien daqsxejn sfortunat –laqat il-traversa fl-35 minuta–, u Simao lagħab tajjeb ukoll, iżda l-bqija, ħlief forsi l-aħħar ħames minuti meta l-Affrikani bdew ifittxu serjament id-dro, baħħ u dwejjaq. L-aħħar darba li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet, fl-2001, il-partita ġiet sospiża 20 minuta qabel it-tmiem minħabba logħob vjolenti, b'4 plejers ta' l-Angola mkeċċijin. Tal-bieraħ kienet daqsxejn maħmuġa wkoll, u ta' min Ronaldo joqgħod naqra attent, għax meta jinbxuh jirreaġixxi malajr u faċli jitkeċċa u jitlef xi partita tal-fażi eliminatorja.

Il-klassifika tal-Grupp D:



S'issa rajna ħafna Chelsea u ftit Man Utd... u Juventus? La Rometta? Issa naraw... nispera li l-Azzurri ma jbatux wisq kontra l-Gana (l-hekk imsejħin Brażiljani ta' l-Affrika), fil-1X2 bassart rebħa Taljana, imma forsi l-plejers jinsabu wisq demoralizzati biex jilagħbu b'ruħhom u ġisimhom kif għamlu dejjem il-predeċessuri tagħhom. Jekk ma jirbħux il-lejla, iċ-Ċeki se jbiċċruhom.

Saħħa ħbieb... u ħudu gost.

---

P.S. (1) - Bilħaqq, Saviola ma kienx offside meta skorja t-tieni gowl ta' l-Arġentina... araw ir-ripetizzjoni.

P.S. (2) - Mark: tinsiex timla l-kupun li jmiss tal-1X2... baqa' siegħa u nofs.

P.S. (3) - Tellajt il-kanzunetta Il-Werld Kapp ta' Renald Abela u l-Bamboċċu... togħġobni wisq. Hawn xi ħadd għandu ftit tal-ħin (u paċenzja) biex iniżżel il-kliem ħalli ntellgħuh hawnhekk?

Kummenti: 3

Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

Per la kronaka. Il-Braziljan naturalizzat Messikan huwa Zinha mhux Zinho. Fuq il-flok se jibqa jidher bhala Naelson.

12/6/06 14:15  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

L-iżjed gowl kmieni fit-Tazza tad-Dinja ġie skorjat mill-midfielder Bryan Robson kontra Franza wara biss 27 sekonda logħob. Dak kien fit-tieni rawnd fi Grupp D waqt it-Tazza tad-Dinja li saret fi Spanja fl-1982.

Inċidentalment, l-iżjed awto-gowl kmieni fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja kien dak li skorja d-difensur tal-Paragwaj Carlos Gamarra favur l-Ingliżi jumejn ilu.

12/6/06 14:38  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Grazzi Jacques. Kont naf li Zinha bl-a imma ma qgħadtx attent jien u nikteb il-bloggata.

12/6/06 14:47  

Itfa' kumment

<< Home