<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

24.6.06

Gruppi E-F-G-H, Ġurnata 3


Qatt ma fhimt kif it-tim tar-Repubblika Ċeka kien għamel xi żmien fl-ewwel għaxra tal-klassifika tal-Fifa, għalkemm meta tqis li bħalissa l-Istati Uniti jinsabu fil-ħames post tinduna kemm din il-klassifika mhijiex ta' min jorbot fuqha. Minkejja d-daqsxejn ta' biża' li kelli, l-iżjed forsi minħabba d-data partikulari tal-logħba, l-Italja għaddew mingħajr wisq problemi, u ma naħsibx li se jbatu ħafna biex jaslu sas-semifinali. Min-naħa l-oħra, l-uniku seed li ma rebaħx il-grupp tiegħu kellu jkun Franza, li issa se jiltaqgħu ma' l-Ispanjoli. Ħażin. Zidane ilu xi erba' snin jilgħab maġenb u kontra l-plejers ta' Spanja u jafhom sewwa; iżda aktar minn Zidane, qed nibża' minn x'jista' jagħmel Thierry Henry. Waqt sessjoni ta' taħriġ tas-selezzjoni Spanjola li saret m'ilux, Luis Aragonés daħal f'polemika meta pprova jinkoraġixxi lil Reyes bil-kliem «¡tú eres mejor que ese negro!», b'referenza għall-attakant Franċiż, kollega tiegħu fl-Arsenal. Aragonés ħaqqu lezzjoni, u Henry, bi raġun, wisq probabbli se joħroġ biex jagħtihielu. Malos tiempos para la lírica...


Kif diġà għedt darbtejn tlieta, ix-xewqa tiegħi kienet li Spanja jiltaqgħu mal-Korea t'Isfel, opportunità tad-deheb biex jivvendikaw id-disfatta ta' erba' snin ilu, meta l-iżbalji ta' arbitraġġ iffavorixxew lill-Koreani. Iżda l-mogħdijiet tal-futbol kultant ikunu aktar misterjużi milli jidhru, u l-lum il-ġudizzju (naħseb żbaljat) tar-referì ħadem kontrihom: il-gwardalinja tella' l-bandiera għax Frei kien f'pożizzjoni irregolari, il-gowler u d-difensuri Koreani waqfu, Frei tefa' l-ballun fix-xibka, u mbagħad ir-referì iddeċieda li l-gowl ma jħassrux. Sa dak il-mument il-Koreani kellhom bżonn jiskorjaw gowl wieħed biss biex forsi jibqgħu fil-kampjunat... iżda tqarraqt. M'hemmx x'tagħmel.

Lil hinn mill-ipoteżi u minn dak li seta' kien, minn issa 'l quddiem ser ikollna ħafna partiti interessanti. It-Taljani jerġgħu jiffaċċjaw skwadra mmexxija minn Guus Hiddink, bi plejers li żgur mhumiex se jaqtgħu qalbhom kif għamlu ċ-Ċeki l-bieraħ. Partita oħra li qed nistenna bil-ħerqa hija dik bejn il-Brażil u l-Gana. Veloċità garantita. U jekk l-Ispanjoli jridu jeħilsu mis-saħta li ilha ddellel it-tamiet tagħhom, ser ikollhom jirbħu erba' partiti mill-aktar diffiċli...

Hawnhekk ir-riżultati ta' l-aħħar tmien logħbiet – ikklikkjaw fuqhom biex taraw l-filmati korrispondenti.

Repubblika Ċeka 0 Italja 2
Gana 2 Stati Uniti 1

Ġappun 1 Brażil 4
Kroazja 2 Awstralja 2

Togo 0 Franza 2
Żvizzera 2 Korea t'Isfel 0

Għarabja Sawdita 0 Spanja (B) 1
Ukrajna 1 Tuneżija 0

Mingħajr dubju, l-iktar spettaklu li rajna f'din l-aħħar ġurnata ta' l-ewwel fażi ġie mill-grupp F, konkretament fit-tieni taqsima tal-partiti Ġappun-Brażil u Kroazja-Awstralja. Jidher li l-Brażiljani reġgħu sabu l-jogo bonito li tant huma magħrufa għalih, u li Ronaldo qatagħha li jibda jilgħab daqsxejn futbol u anki joħloq periklu quddiem il-gowl. Fil-logħba l-oħra kien hemm minn kollox: żball iblah tal-gowler Awstraljan, tliet karti ħomor, konfużjoni papali meta Pletikosa ipproteġa l-ballun b'ġismu kollu eżatt fuq il-linja tal-gowl, l-enerġija u d-determinazzjoni tas-Socceroos bħalma kienu wrewna kontra l-Ġappun... Dan kollu tistgħu tarawh fiż-żewġ vidjos ta' hawn isfel.

Ġappun 1 Brażil 4


Kroazja 2 Awstralja 2


Hawnhekk il-klassifiki finali u l-panorama tat-tieni fażi tal-kampjunat.




Sadattant, fil-Brażil ħarġet fis-suq verżjoni carioca tal-mustardini Tic Tac, li tiċċelebra bil-quddiem il-Hexacampeonato tas-Seleçao (ċjoè, is-sitt Tazza tad-Dinja):



Kif jgħidu, min ħexa mexa, u min ma mexiex…

Kummenti: 0

Itfa' kumment

<< Home