<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

13.6.06

Gruppi E - F, Ġurnata 1


Gooday sport! - Awstralja 3 Ġappun 1

Żewġ timijiet mill-Paċifiku, b'storji u stili differenti għall-aħħar. Gowl fantażma tal-Ġappuniżi fl-ewwel taqsima – kien jew ma kienx fawl? Fil-każin ta' Lourdes qalu li l-kiper ħareġ qisu qed ikeċċi l-friefet. Schwarzer, tal-Middlesborough, minkejja l-erba' gowls li qala' kontra s-Sevilla fil-final ta' l-UEFA, kien l-eroj ta' l-Awstraljani meta rebħu lill-Urugwaj fl-għoti tal-penaltis tal-play-off tal-kwalifikazzjoni. Fowl jew le, il-bieraħ kien daqsxejn sfortunat. Hiddink irrabja, u naħseb bi raġun.

Kif diġà għarrafna Nigredo, is-Socceroos qatt ma kienu skorjaw fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja. Imbagħad imorru u jtuhom tlieta f'tmien minuti. Ħelu ħafna t-tieni gowl, imma kien it-tielet li tassew ta xhieda ta' kemm l-Awstraljani kienu aktar b'saħħithom mill-avversarji. Prosit Sur Hiddink - mal-Korea t'Isfel, bl-għajnuna tar-referis, mort tajjeb ħafna, iżda jekk din id-darba jirnexxilek tmexxi lill-iskwadra mill-Antipodi sal-kwarti ta' finali, il-ħafna rispett li tgawdi minnu fid-dinja futbolistika għad jirdoppja.

Id-dinja mużajk. Araw x'taħlita ħelwa kellna fiż-żewġ timijiet: Alessandro Santos plejer tal-Ġappun, u jilagħbu ma' l-Awstralja kien hemm Bresciano, Grella, Viduka, Schwarzer... Mhux biss, iżda Cahill, l-awtur tad-duppjett li qaleb l-iskor, imwieled minn missier Ingliż u omm Samoana. Dawn il-plejers li jogħġbuni, qishom in-nomadi tal-futbol... u għad issib min jippretendi li r-razez u n-nazzjonijiet ikunu 'puri'. X'affarijiet dawn, ma jafux li s-sbuħija qiegħda fil-varjetà!

Hawnhekk il-filmat ta' l-isbaħ siltiet.

---

Morru lura d-dar, ejja...
Stati Uniti 0
Repubblika Ċeka 3

Fil-pajjiż ta' l-istilel u l-istrixxi, hemm ħafna nies li jaħsbu li d-dinja tibda f'Seattle u tispiċċa f'Maine; meta xi tim tal-baskitbol jirbħu l-kampjunat nazzjonali jsejħulhom il-World Champions. Iva, naf, qed inħallat il-ħass mal-bass, imma ma nistax naħbiha: din hija waħda mir-raġunijiet il-għala l-Istati Uniti, fl-isports u mhux, ma nista' nniżżilhom xejn.

Wara biss 5 minuti wasal il-messaġġ, ċar u tond minn ras Koller: kexkxu 'l hemm, x'l-imniefaħ ġejtu tagħmlu hawn? Petr Cech, Poborsky, Nedved (minkejja li plejer tas-Serie B Taljan...) – iċ-Ċeki kienu superjuri f'kull dipartiment. Lil Rosicky jgħidulu l-Footballing Mozart, u effettivament, fiż-żewġ gowls tiegħu t-trajettorja tal-ballun jidħol bejn il-lasti kienet qisha melodija. Ikklikkja hawn biex tara l-filmat.

B'hekk l-Istati Uniti tad-Duh!merka jibdew il-kampjunat f'qiegħ il-klassifika... fejn ħaqqhom ikunu.



Forza Azzurri! - Italja 2 Gana 0

F'żewġ kelmiet Jacques qal kważi kollox: sbuħija u grinta. Grande Camoranesi, għalija l-aqwa plejer tal-logħba. Pirlo dendlilhom waħda tajba, li wisq probabbli tispiċċa fit-top ten tat-turnew, u li kieku Toninu kien ftit aktar xortih ma' għajnu f'dak ix-xutt bomba tal-minuta 27 kien skorja gowl bellezza. Il-Ganjani lagħbu tajjeb, speċjalment id-difiża Mensah, iżda fl-attakk ibatu wisq.

Fit-tieni taqsima, Iaquinta ra ż-żewġt uċuh tal-munita: l-ewwel darba li sab ruħu waħdu quddiem il-kiper Affrikan waqqgħuh b'daqqa malinja fuq għarqubu, u li ma kienx għall-iżball ta' l-assistent referì (għax żgur li ma kienx offsajd) id-difiża kien jitkeċċa mingħajr tlaqliq ta' xejn. L-ewwel żewġ sillabi minn fomm Lippi setgħu jintgħarfu faċilment, it-tnejn frikattivi: Va-fa... (Sfortunatament, dan il-mument kritiku ma ġiex inkluż fil-filmat.) Imbagħad, it-tieni darba, minkejja l-iżball iblah ta' Kuffour, Iaquinta ġera lejn il-gowl qisu trejn u ferraħ lill-partitarji kollha tal-Belpaese. Kemm ħadt gost narahom jiċċelebraw... jalla jkomplu hekk ħa jispiċċaw il-grupp b'disa' punti, u jnessuna -imqar ftit- mill-mistħija ta' l-iskandli li wħud qed iħossu li qatlu l-Calcio darba għal dejjem.



Il-klassifika tal-Grupp E wara l-ewwel ġurnata:


Għadna nistennew xi rebħa sorpriża... u qalbi tgħidli li l-lejla l-Iżvizzera, tim żagħżugħ mimli talent (nispera li jilgħab Gygax, dak li skorja kontra l-Italja f'partit ta' ħbiberija xi ġimagħtejn ilu) se jiksbu tliet punti kontra Franza. Se naraw ukoll lil Ronaldinho u t-tbissima karatteristika tiegħu (forsi mhix kumbinazzjoni li twieled f'Porto Alegre) ... il-festa tal-Logħba s-Sabiħa tkompli.

P.S. Lil dawk li qed iżommu ma' l-Ingliżi – sibt dan il-vidjo :-)

Kummenti: 3

Blogger Jacques René Zammit qal/qalet...

Ganjani jew Ganizi?

Italja - Taljani
Danimarka - Danizi
Gana - Gananizi? :)

boqq

13/6/06 18:34  
Blogger Antoine Cassar qal/qalet...

Fil-fatt kont se nikteb Ganiżi, biex nimxi fuq it-Taljan ghanese u l-Ispanjol ganés, imma għal xi raġuni Aquilina jagħti Ganjan/a/i. Kif għedt fuq tal-Maqluba d-dizzjunarju m'għandux jittieħed bħala awtorità assoluta... naħseb li se nbiddilha. Hemm bżonn urġenti ta' atlas bil-Malti. Grazzi talli fakkartni, Jacques.

13/6/06 19:01  
Blogger Arcibald qal/qalet...

Proset Twan ilhaqtni fil-klassifika u nghidlek li tghaddini wkoll ghax tieghi fortuna kienet u mhux ghax nifhem. :)

13/6/06 19:22  

Itfa' kumment

<< Home