<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

14.6.06

Gruppi F - G, Ġurnata 1

Korea t'Isfel 2
Togo 1

Ngħid id-dritt, għandi lanzita għalihom jien il-Koreani (futbolistikament, s'intendi)... erba' snin ilu eliminaw lill-Portugall, imbagħad lit-Taljani, u mbagħad, b'daqqa t'id (probabilment imxaħħma) mir-referì, bagħtu lill-Ispanjoli d–dar fil-kwarti ta' finali. Aktar fuq dik il-partita mxajtna fil-bloggata li jmiss. Biex tgħaxxaq, fuq is-sit tal-Fifa qabblu l-gowl ta' Ahn Jung-Hwan ma' dak li skorja kontra l-Italja fl-2002.

S'issa l-erba' skwadri sub-Saħarjani kollha tilfu, iżda naħseb li għadu kmieni biex ngħidu li din mhijiex is-sena tat-timijiet Affrikani. It-Togoliżi lagħbu tajjeb, speċjalment fl-ewwel taqsima, iżda l-fattur tal-veloċità jgawdu minnu anki l-Koreani. Ta' min Franza u l-Iżvizzera joqogħdu attenti, għax kontra dawn iż-żewġ timijiet se jkollhom jaħdmu ħafna... aktar u aktar wara d-dro tal-bieraħ.

Sbieħ ħafna t-tliet gowls li ġew skorjati: hawnhekk il-filmat.

Franza 0
Żvizzera 0

Partita tad-dwejjaq. Il-Franċiżi sopravvalutati, u mhux ta' b'xejn ilhom sa mill-finali tat-98 ma jdaħħlu l-ballun bejn il-lasti. Għalkemm ħadt gost nara lil Zidane u anke lil Barthez, ġeneralment kienu deludenti. Ma jniggżux, u l-Iżvizzera ma tantx offrew divertiment lanqas. Li ma nifhimx huwa għala l-kowċ Franċiz ma kienx sejjaħ lil Ludovic Giuly, l-attakant tal-Barça, lanqas meta weġġa' Cissé ftit qabel ftuħ il-kampjunat. Biex taraw x'kapaċi jagħmel f'partiti importanti, araw dan il-gowl li skorja kontra l-Milan fis-semi finali taċ-Champions.

Il-protagonista tal-logħba għalija kien ir-referì. Valentin Ivanov. Żmagat, iħobb jeżerċita l-awtorità tiegħu, joqgħod mhux b'seba' għajnejn iżda b'seba' mija, jagħmel żbalji u ma jitħarrikx. Nispera li ma jintgħażilx għal xi logħba ta' l-Italja jew ta' Spanja.

U Henry, il-maġiku Henry tan-numru 12? Donnu għadu ma sabx il-formula, jonqsu l-aktar ingredjent importanti: is-saħħa fix-xuttijiet.

Ikklikkja hawn biex tara l-filmat.

Il-klassifika tal-Grupp G wara l-ewwel ġurnata:



---


Brażil 1
Kroazja 0

Not so beautiful. Sakemm ma ssostitwewx lil Ronaldo l-Brażil kienu qegħdin jilagħbu b'għaxra. Bi ftit eċċezzjonijiet (Juan, li salva lit-tim tiegħu darba darbtejn tlieta, u Cafu, li minkejja li m'għadux jiflaħ l-istrina xorta għadu veloċi daqs vapur ta' l-art), il-Brażiljani lagħbu qishom barbie dolls. Ftit kien hemm koordinazzjoni, u f'nofs il-grawnd iddominaw il-Kroati. Kellu jkun l-isforz individwali ta' Kaka biex rebħu l-logħba, għalkemm ta' min wieħed jinnota li l-gowl spettakolari tiegħu wasal ftit wara li weġġa' l-kaptin Kroat għat-tieni darba u kellu jirtira. Hawnhekk il-filmat.

Kemm għamlu storbju l-partitarji Kroati, speċjalment dawk tan-naħa ta' fuq... min jaf jekk kinux l-istess Juropids li qalgħu t-trabil f'Ta' Qali...

Il-klassifika tal-Grupp F wara l-ewwel ġurnata:



Insomma, minkejja li l-bieraħ lagħbu l-aħħar żewġ kampjuni tad-dinja, ftit rajna futbol eċċitanti. Iżda għadu kmieni, u għalkemm il-Brażiljani jidher li se jkunu qegħdin jilagħbu b'mod aktar pragmatiku mis-soltu, naħseb li għad jirrankaw u jsibu l-eleganza u s-sbuħija li aħna mdorrijin nassoċċjaw magħhom.

Għal hawn jien... se tibda l-partita ta' Spanja. Xi għaxart ijiem ilu l-Ukrajna żammew dro lit-Taljani, iżda dawn kienu għajjenin u kienu għadhom ma sabux il-forma li wrew il-bieraħtlula. Jekk ituhom tnejn jew tlieta inkun kuntent, importanti li jibdew jattakkaw kmieni... ¡¡¡ Arriba España !!!

Kummenti: 0

Itfa' kumment

<< Home