<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

20.6.06

Gruppi G - H, Ġurnata 2

Togo 0
Żvizzera 2

L-ewwel żewġ partiti tal-bieraħ ma rajthomx għax inżilt sa l-Imnajdra biex niżżi ħajr lill-elementi. Għal xi raġuni, l-Orizzont ma tellgħux ir-rapporti dwar il-partiti tal-bieraħ fuq is-sit tagħhom. Forsi għax ħadu għalihom? Għalkemm niddubita li jafu b'dan il-blogg. F'kull każ, m'għandhomx għalfejn jieħdu għalihom għax lil hinn mill-iżbalji ortografiċi u l-punteġġjatura kaotika (ċjoè, in-norma), mill-artikli tagħhom dammejt lista mhux ħażina ta' espressjonijiet kalċistiċi tajbin. M'hemmx x'tagħmel.

Mir-rapport tal-Malta Minnufih slitt terminu li għoġobni ħafna:

«Iżda Barnetta ikkonsolida t-tliet punti żewġ minuti mit-tmiem meta kkonnettja il-ballun li kien ġej minn fuq in-naħa tal-lemin u mill-baxx venven xutt li spiċċa fir-rokna tax-xibka avversarja u għalaq il-partita.»

Hawnhekk il-filmat tal-Fifa.

Il-Grupp G għadu interessanti ħafna. Hawnhekk il-klassifika:



---


Għarabja Sawdita 0
Ukrajna 4

Wara li kienu qalgħu erbgħa kontra Spanja, l-Ukranjani reġgħu kisbu daqsxejn dinjità billi taw erbgħa lill-Għarabja Sawdita. Naħseb li Sheva kien ilu ma jitbissem hekk fuq il-grawnd.

Mill-MRN (wara li daħħalt xi virgola 'l hawn u 'l hemm):

«Ir-reazzjoni tas-Sawdi baqgħet ma waslitx, anzi kull darba li avvanzaw bdew jinqabdu fuq wara, kif ġralhom fl-84 minuta meta wara ħarba tajba ta' Shevchenko mal-linja dan xeħet għan-nofs fejn kien hemm kompletament żmarkat Maksym Kalinichenko, li f'lasta vojta minn sitt metri bogħod spara fis-saqaf tax-xibka.»

Hawnhekk il-filmat.

Spanja 3
Tuneżija 1

Mil-lejl għan-nar, wara bosta xhur jipprova jsib il-forma li kien tilef mar-Real Madrid, Raúl reġa' sar eroj tal-partitarji Spanjoli. Biex dawru l-iskor kontra t-Tuneżija kien jeħtieġ dożi ta' esperjenza, u m'hemmx xi ngħidu, id-deċiżjoni ta' Aragonés li jdaħħal lil Raúl u lil Joaquín fit-tieni taqsima kienet waħda mill-aktar għaqlija (għalkemm għadni ma nifhimx il-għala ma kienx sejjaħ lil Morientes). Madankollu, naħseb li dak li tassew ta spinta lit-tim Spanjol kien Cesc Fábregas, iż-żagħżugħ ta' l-Arsenal. Kien l-aktar plejer kreattiv, involut f'ħafna mill-attakki ta' l-Ispanjoli, inklużi l-ewwel żewġ gowls. U issa li d-dinja tal-futbol qed issir taf bl-abbiltà u l-veloċità ta' Torres, għandu mnejn ma jibqax ma' l-Atlético Madrid fl-istaġun li jmiss iżda jinħataf minn xi klabb akbar minnhom... nispera li mhux iċ-Chelsea.

Tistgħu taraw il-filmat tal-Fifa, jew tisimgħu l-gowls ta' Spanja: Raúl '71; Torres '76; Torres '91.

Il-klassifika tal-Grupp H:



M'iniex espert fl-aritmetika, iżda jidhirli li Spanja (dejjem jekk ma jitilfux kontra l-Għarabja Sawdita) jistgħu jiltaqgħu mal-Korea t'Isfel fl-aħħar 16 biss jekk dawn ma jirbħux lill-Iżvizzera u Franza jġibu dro jew jitilfu kontra t-Togo. Il-partiti ta' nhar il-Ġimgħa se jkunu kruċjali, u jiena se ngħid... Forza Żvizzera! Forza Togo!

Kummenti: 0

Itfa' kumment

<< Home