<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

23.6.06

Il-lingwa tal-futbol

Artiklu li deher fir-rivista Sagħtar, Novembru 2004,
miktub minn Olvin Vella


Il-preżentaturi ta’ l-isports ta’ sikwit jiġu kkritikati talli jużaw Malti ħażin jew ikrah. Bosta jmaqdruhom talli jużaw kelma flok oħra u talli jissellfu kliem barrani.

Ngħiduha kif inhi, ma rridx inkun xagħra f’rashom għax biex tirrakkonta disgħin minuta futbol u ma tiżbaljax, diffiċli wisq. Il-Malti, kuntrarju għal-lingwi l-kbar, m’għandux tradizzjoni twila ta’ lsien użat f’funzjonijiet differenti. Anzi, għal sekli sħaħ dejjem qasam il-medda ta’ l-użu ma’ ilsna ħafna akbar minnu u ta’ sikwit kien iħossu, u għadu, magħfus biex ilaħħaq magħhom. Fi kliem ieħor, mhux lakemm nippretendu l-mirakli mix-xandar.

Imma dan ma jfissirx li m’għandniex nagħmlu iżjed. Ejjew nieħdu l-eżempju ta’ xandira ta’ partita tal-futbol. Bl-għajnuna ta’ l-istudenti tal-Liċeo Vassalli (Tal-Ħandaq) ġbart il-vokabularju li jużaw huma u jilagħbu. Kif wieħed jista’ jara hawn taħt, fuq ix-xandir nisimgħu xi wħud minnu, imma mhux kollu. Huwa kliem idjomatiku u allura isbaħ mill-kliem tekniku u bombastiku li nisimgħu.

* * *

Il-logħba joħorġuha, plejer fin jilgħabha (jew jgħaqqadha), jagħmel finta, idawwar id-difiża, jasal quddiem il-gowler, iqandilhulu u jagħmel gowl bellezza.

It-tim l-ieħor ma joqgħodx b’idejh fuq żaqqu. Jibda jiġġieled għall-ballun. Id-difensur ċentrali inewwel ballun lin-numru għaxra, imma d-difensur tat-tim l-ieħor jiġri fuq il-plejer u jarmih. Ir-referì saffar free-kick. Imur biex jagħtih in-numru ħdax. Jiġri, jixxuttja u jifqgħu. Wieħed b’wieħed.

Il-logħba qed issir iktar interessanti. It-tim l-ieħor ħariġha diġà. Qed jattakka. Id-difiża rieqda. Kross mill-ġenb u forċi. Impitter. Tnejn b’wieħed!

It-tim l-ieħor lanqas mhu wieħed li jċedi malajr. Il-ballun fin-nofs biex inkomplu l-logħba. It-tisfira. Telgħu jattakkaw mill-ewwel. In-numru sebgħa jiftaħ fuq il-lemin, l-attakkant ħarat lid-difensur, imma n-numru ħamsa jitkaxkar u jisraqlu l-ballun. Bravu! Jitfa’ l-ballun fin-nofs l-ieħor tal-grawnd, sieħbu l-attakkant iwaqqa’ l-ballun lin-numru l-ħdax, l-ieħor jiġri għalih u jfaqqa’ xutt bomba. Il-gowler jintefagħlu imma l-ballun... ixxellef mal-lasta. Ħaqru!

Il-logħob jerġa’ jibda mill-kaxxa ż-żgħira. Il-gowler jixxuttja ’l fuq, id-difensur tat-tim l-ieħor imewtu imma l-attakkant li mar jiġri fuqu jaqtgħu.

Ikompli l-logħob.

* * *

U miegħu nkomplu nżidu l-vokabularju Malti.

Xi jfisser, ħa nara, meta ngħidu: kissirniehom; ballun barra; nasbuh lil dak il-plejer; daqqa ta’ ras; tkaħħal ma’ l-art; il-gowler issallab; stampa l-lasta; u għamilhulu?

Tifsiriet

1. rabuxxata / forċi bicycle kick
2. jilgħabha / jgħaqqadhielu iddribilja
3. ħawwad id-difiża / dawwarha fixkel
4. kissirniehom irbaħnielhom sewwa
5. xutt bomba xutt b’saħħtu
6. iftaħli sib l-ispazju
7. qandilhulu illobjalu l-ballun
8. ħartu qabżu fil-ġiri
9. xellef il-lasta ħabat mal-lasta u mar barra
10. flokkijiet gerijiet
11. gowl bellezza gowl sabiħ
12. id-difiża raqdet id-difiża ħadet żball kbir
13. xeħet / newwel ta long pass
14. tkaxkar għamel sliding tackle
15. jisraqlu l-ballun ħadhulu
16. faqgħu skurja b’saħħtu
17. ballun barra / mar barra / telaq out of play
18. se joħorġuha kick-off
19. mewwithulu stoppjah
20. ħaqru hard lines
21. iġġieled għall-ballun għamel pressjoni
22. nasbuh inqabad off-side
23. waqqagħlu l-ballun jikkontrolla l-ballun mill-arja u jqassam qabel ma jmiss ma’ l-art
24. daqqa ta’ ras header
25. tkaħħal ma’ l-art waqa’ waħda kbira
26. il-gowler issallab ma setax jagħmel mod ieħor
27. stampa l-lasta ħabat mal-lasta u l-ballun reġa’ fil-grawnd
28. jintefagħlu jaqbeż għall-ballun
29. il-freekick pinġieh / pittru ixxuttja bil-preċiż
30. kif qatgħu iwaqqgħu xi waħda kbira
31. għamilhulu gowl
32. ramieh tah charge

Kummenti: 3

Blogger nigredo qal/qalet...

hehe... ahna l-iskola konna nghidu wkoll ra 'l ommu jew lemah ir-ricipettu t'ommu meta xi hadd jixxuttja xutt barra sew... dak li bit-taljan jghidu l'ha mandata in tribuna...

u meta xi hadd kien jaqa' f'saqajh waqt dribble, konna nghidu li zelaq fil-hara...

23/6/06 08:05  
Blogger Erezija qal/qalet...

Nigredo qal: u meta xi hadd kien jaqa' f'saqajh waqt dribble, konna nghidu li zelaq fil-hara...

Erezija jghid: qed nipprova nimmagina l-kummentatur malti juza dik il-frazi fuq it-televixxin!

25/6/06 12:23  
Blogger iz ziffa qal/qalet...

interessanti hafna olvin.

hawn xi hadd jaf aktar kliem jew frazijiet bhal dawk li semma' Olvin?

29/9/10 12:51  

Itfa' kumment

<< Home