<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

16.6.06

It-twelid ta' partitarju part-time

Fil-5 ta' Lulju 1982 kelli 9 snin.

Fi Triq il-Wied l-Imsida, minkejja l-erjil għoli għoxrin pied, it-televixxin bil-kemm kien jaqbad ix-Xandir Malta u xi kultant ir-Rai Uno; ir-Rai Due kien iktar ross u textix milli le, aħseb u ara t-Tre u l-bqija. Sal-logħba tat-tieni rawnd bejn l-Italja u l-Brażil ma tantx kont segwejt il-werld kapp ta' Spanja għax ħafna mil-logħbiet kienu fuq id-Due. Kelli ħabib ġar xi sena ikbar minni li kien iddeċieda li jiena nżomm mat-Taljani u kuljum kien jiġi għandi b'xi aħbar dwar il-benjamini tiegħi. Rossi, Tardelli, Altobelli, Zoff... Kont naf biss li fl-ewwel rawnd ma kienu għamlu xejn, u bil-kemm ma nqallgħux u għaddew minflokom tal-Kamerun. N'Kono. L-ikbar gowler ta' kull żmien qalli sieħbi. Nhar il-5 ta' Lulju l-ġenituri tiegħi kellhom joħorġu wara nofs in-nhar u għalhekk xegħluli t-televixxin fuq ir-Rai Uno fejn kienet se tintwera l-partita bejn l-Italja u l-Brażil, disajder għal post fis-semi finali.

Ma nafx x'ġara eżatt waqt dik il-logħba imma wara 90 minuta kont inbdilt minn osservatur diżinteressat għal partitarju mill-kbar nett, qalbu tħabbat 200 fis-sekonda, u serp ta' pjaċir jitbandal tul dahru kollu.

Photobucket - Video and Image Hosting


B'miraklu l-istampa baqgħet ċara, il-kummentatur (naħseb kien Pizzul, dak il-leħen megalitiku jitriegħed ma' kull azzjoni) instema' ċar ukoll. Kulħadd jaf kif spiċċat dik il-logħba. It-Taljani rebħu, Rossi skurja tlieta, jiena bqajt imsammar mas-siġġu, fid-dar waħdi, għal kollox mitluf fid-deni ta' l-eċitament li ssoltu jħoss biss partitarju akkanit. Meta waslu lura l-mama u l-papa sabuni naqbeż u nogħla fis-sodda, nimmolla u nwerżaq b'ferħ isteriku, u wara li ċċekkjatli t-temperatura, ommi sabitli 102 deni.

Fil-jiem li segwew dik ir-rivelazzjoni ma kontx iddiżappuntat. It-Taljani rebħu mal-Polonja fis-semi finali. Il-logħba kienet fuq ir-Rai Due jew it-Tre, insomma, ma stajt nara xejn iżda xorta bqajt ma' ġenb it-televixxin, qisni qed inqerr lill-Father Joe. Fuq l-iskrin ross, is-sawnd diżastru, bil-kemm tagħraf li hemm kummentatur u li hemm xi ħaġa għaddejja, iżda b'widnejja ma' l-ispijker, segwejt biżżejjed biex għaraft meta skurja l-ewwel gowl Rossi, u t-tieni wkoll, u għalkemm ma kontx ċert li kienet spiċċat il-logħba, meta smajt il-ħornijiet tal-karozzi barra fit-triq, u l-bnadar Taljani jperpru mill-karozzi għaddejjin sparat, ħadt ir-ruħ. Kienet logħba sofferta. Sal-lum għadni ma nafx kif kienu l-gowls ta' Rossi.

U mbagħad il-finali. Il-ġenituri ħaduni għand ħbieb tagħhom G'Mangia, fejn l-istampa kienet ċarissima, u stajt nara kull plejer li f'temp ta' ġimgħa kont sirt nafhom bl-amment - Gentile, Cabrini, anke Gelindo Bordin, il-gowler riżerv...

Għal snin wara bqajt fan tat-Taljani. Speċjalment tal-klabbs tagħhom li fis-snin tmenin rebħu Champions Cups, Cup Winners Cups u UEFA Cups bir-rimi. Soffrejt kull meta tilfu. Ħassejt dexa ta' pjaċir kull meta rebħu, bit-twistees jew il-ħobż biż-żejt f'ħalqi, wieħed mill-uniċi svogi tiegħi fl-addoloxxenza, u meta skoprejt l-atletika, żammejt mat-Taljani wkoll. Fil-maratona minn dejjem kienu minn ta' quddiem.

Fast Forwerd għat-12 ta' Ġunju 2006, għeluq snieni. 33 sena. Il-Black Bull Pub ġewwa Paceville fejn qed insegwi l-partita bejn l-Italja u l-Gana mat-tfajla u mal-ħbieb.

Photobucket - Video and Image Hosting


Il-plejers Taljani ma nafhomx, isimhom ġodda għalija, ili ma nsegwih it-tim. Kuntent li qed nara l-logħba, it-tazza tad-dinja dejjem tferraħħni għax għal xahar sħiħ donnu kulħadd ikollu ħsieb komuni, u s-sens ta' kompetizzjoni u ta' komunita jingħaqdu id f'id... qisu l-Milied... apparti li hemm il-pjaċir li żżur bars differenti u tara nies ġodda, kollha għajnejhom fissi fuq l-iskrins tat-televixxin, li kull erba' snin dejjem jikbru iżjed. Bilqiegħda, mal-ħbieb, il-logħba bdiet tiżvolġi ruħha fuq il-plażma skrin quddiemna, u jiena sirt konxju ta' l-istennija tiegħi li dejjem tiġini kull tazza tad-dinja, li d-deni jibda tiela' u l-uġigħ li jħoss kull partitarju jerġa' jibda jfeġġ ġewwa qalbi kull darba li t-Taljani jinżlu jiddifendu. Iżda did-darba ma ġara xejn minn dan. Anzi, bil-kontra, kull darba li t-Taljani tellgħu l-ballun u l-plejers tal-Gana kienu jidhru mhux għall-altezza tas-sitwazzjoni, bdejt nibża' li l-azzuri jiskurjaw. U din il-biża' ħasditni. Mela minix sapporter tat-Taljani jew? X'iż-żobb? U fil-fatt, skoprejt minnufih li s-seħer tal-5 ta' Lulju 1982 kien wasal fi tmiemu. Kont liberu, meħlus, mhux iktar partitarju. Jew?

Sieħbi Mario tani l-aħbar li ċ-Ċeki kienu rebħu 3-0, kaxkru l-Amerikani bix-xibka b'kollox, wirja eċċellenti ta' futbol, u ma stajtx ma ninnotax textixa ħafifa f'sidri... jaqaw? se tinbet fija mħabba ġdida? Fiż-żmien li qattajt Praga ġieli żammejt maċ-Ċeki fil-hockey tas-silġ u anke fil-futbol, iżda issa li t-Taljani donnhom tilfu dik is-setgħa li kellhom fuqi, se nbaxxi rasi għal seħer ġdid?

Nisperaw li l-logħba bejniethom tiżvela kollox...

Kummenti: 4

Blogger Mark Vella qal/qalet...

ustja ERezija...Bordon!! Gelindo Bordin gerrej kien!!

part-time hafna

16/6/06 14:21  
Blogger Erezija qal/qalet...

haha.. imma hekk se nhalliha issa... ghax l-izball parti mill-messagg

16/6/06 14:31  
Blogger L-Imżebbel qal/qalet...

Dażgur li rebħu unuri Ewropej bir-rimi... ma ninsewx li kien hemm bosta clubs minn pajjiż partikolari li ġew kostretti jagħmlulhom il-wisa'! :P

16/6/06 14:52  
Blogger nigredo qal/qalet...

ma nahsibx li kien pizzul ghax jidhirli li wiehed mid-dispjaciri tieghu meta rtira kien li qatt ma kellu c-cans jghajjat "Italia campioni del mondo!"...

16/6/06 17:38  

Itfa' kumment

<< Home