<body><script type="text/javascript"> function setAttributeOnload(object, attribute, val) { if(window.addEventListener) { window.addEventListener('load', function(){ object[attribute] = val; }, false); } else { window.attachEvent('onload', function(){ object[attribute] = val; }); } } </script> <div id="navbar-iframe-container"></div> <script type="text/javascript" src="https://apis.google.com/js/plusone.js"></script> <script type="text/javascript"> gapi.load("gapi.iframes:gapi.iframes.style.bubble", function() { if (gapi.iframes && gapi.iframes.getContext) { gapi.iframes.getContext().openChild({ url: 'https://www.blogger.com/navbar.g?targetBlogID\x3d29439955\x26blogName\x3dIl-Log%C4%A7ba+s-Sabi%C4%A7a\x26publishMode\x3dPUBLISH_MODE_BLOGSPOT\x26navbarType\x3dBLUE\x26layoutType\x3dCLASSIC\x26searchRoot\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/search\x26blogLocale\x3den_GB\x26v\x3d2\x26homepageUrl\x3dhttp://werld-kapp.blogspot.com/\x26vt\x3d-2929419435740534102', where: document.getElementById("navbar-iframe-container"), id: "navbar-iframe" }); } }); </script>

12.7.06

Kif Ċipru ta' Fuq rebħu t-Tazza tad-Dinja




Tazez tad-Dinja alternattivi #3

Hamburg, 29 ta' Mejju-3 ta' Ġunju 2006: l-ewwel "FIFI Wild Cup"

Kif Ċipru ta' Fuq rebħu t-Tazza tad-Dinja


Kif inhu naturali, qatt ma naraw pajjiżi bħal Malta jew Ċipru jilagħbu fit-Tazza tad-Dinja tal-FIFA. Xorta suppost li għandhom dan id-dritt. Hemm però anki xi pajjiżi oħrajn li għal xi raġuni jew oħra ma jgawdux minnu. X'jista' jsir jekk madanakollu xi wħud minnhom jixtiequ jieħdu sehem f'turnew internazzjonali?

Kollox beda billi tim magħmul minn Tibetjani eżiljati staqsa lit-tim magħruf ta' Hamburg FC. St. Pauli kinux interessati f'logħba ta' ħbiberija. Ċert li għoġbuhom il-prospetti ta' laqgħa ma' nies mit-Tibet misterjuż, u b'xi mod jew ieħor twieldet l-idea ta' turnew b'aktar timijiet mhux rikonoxxuti mill-FIFA. Sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem fih, l-organizzaturi Ġermaniżi "waqqfu" r-Repubblika ta' St. Pauli. Imbagħad sar il-ħin li jiddeċiedu lil min se jistiednu. Kellhom xi dubji minħabba l-fatt li l-pajjiżi mhux rikonoxxuti s-soltu lanqas għandhom tim nazzjonali. Xorta fl-aħħar insabu aktar timijiet interessati milli riedu jistiednu.

It-timijiet parteċipanti


1. Ir-Repubblika ta' St. Pauli (popolazzjoni: 27,000 ruħ)
Ovvjament sabiex ikollhom ċans ikbar it-timijiet mistednin, kienet irrapreżentata minn selezzjoni ta' żgħażagħ.

2. Żanżibar (800,000 ruħ)
Żanżibar huwa stat federali awtonomu, magħmul minn gżira, li jifforma parti mit-Tanżanija. Kważi bħal Malta, din l-eks-kolonja Britannika kisbet l-independenza mill-Imperu Ingliż fl-1963 u mbagħad flimkien mat-Tanganijka waqqfet ir-Repubblika Magħquda tat-Tanżanija. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-futbol, huwa naturali li l-eks-kolonja jkollha waħda mill-eqdem tradizzjonijiet kalċistiċi fost il-pajjiżi Affrikani. U l-500 klabb tal-futbol li hemm illum, għal 800,000 ruħ m'humiex ftit! It-tim nazzjonali ta' Żanżibar huwa rikonoxxut mill-Għaqda Affrikana tal-Futbol, imma s'issa mhux mill-FIFA minħabba l-fatt li Żanżibar mhuwiex stat rikonoxxut mill-Ġnus Magħquda.

3. Ġibiltà (28,000 ruħ)
Il-"Gibraltar Civilian Football Association" (illum "Gibraltar Football Association") hija waħda mill-eqdem 10 għaqdiet tal-futbol fid-dinja! L-ikbar suċċess ta' dan it-tim tal-Commonwealth s'issa huwa dro f'logħba kontra r-Real Madrid fl-1949.

4. Il-Grinlandja (57,000 ruħ)
Il-Grinlandja, minkejja li tifforma parti mid-Danimarka, tgawdi minn awtonomija sinjifikanti u hija l-uniku pajjiż li qatt ħareġ mill-Unjoni Ewropea permezz ta' referendum. It-tim nazzjonali tagħha mhuwiex rikonnoxut mill-FIFA, għax fil-pajjiż m'hemm l-ebda grawnd li jaqbel mar-regolamenti tagħha. Minħabba l-klima estrema l-Grinlandiżi ma jistgħux jilagħbu futbol fuq ħaxix naturali, imma s-soltu jużaw r-ramel għall-grawnds tagħhom. Probabbli però li tinbidel din is-sitwazzjoni wara li l-FIFA ddeċidiet li fil-futur se jkunu aċċettati anki grawnds b'ħaxix artifiċjali.

5. It-Tibet
Bħala konsegwenza tas-sitwazzjoni politika, il-futbol Tibetjan kważi għadu kemm twieled. Fl-2001 intlagħbet l-ewwel partita "internazzjonali" kontra l-Grinlandja mit-tim "nazzjonali" Tibetjan.

6. Ir-"Repubblika Torka ta' Ċipru ta' Fuq" (200,000 ruħ)
Peress li dan l-istat, imwaqqaf fl-1983, mhuwiex rikonoxxut minn ħadd barra mit-Turkija stess, huwa naturali li m'għandux id-dritt li jieħu sehem f'turnews internazzjonali bħall-parti Griega ta' Ċipru. Imma huwa naturali wkoll li bħala parti ta' eks-kolonja Britannika għandu tradizzjoni b'saħħitha fil-futbol.

Ir-riżultati

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-plejers ma kellhomx esperjenza "internazzjonali", l-entużjażmu maħsus kien daqs f'Tazza tad-Dinja "ta' veru". Anki l-metodu ta' kif il-logħob ġie rrealizzat kien l-istess, jiġifieri t-turnew beda bil-fażi tal-gruppi (2 gruppi ta' 3 timijiet). Wara din il-fażi sfaw eliminati t-Tibet u l-Grinlandja, li tilfu l-logħbiet tagħhom. Fil-fażi tas-semifinali Żanżibar rebħu 2:1 kontra r-Repubblika ta' St. Pauli, u Ċipru ta' Fuq 2:0 kontra Ġibiltà. Il-logħba ta' spariġġ għat-tielet post rebħuha Ġibiltà 2:1. Iżda mingħajr dubju l-aktar logħba diffiċli kienet il-finali, li fih il-fawls u l-plejers li weġġgħu kienu ħafna u saħansitra ngħatat karta ħamra lil wieħed minn Żanżibar. Din il-partita spiċċat f'dro u fl-aħħar rebħuha Ċipru ta' Fuq permezz tal-penaltis.

Minkejja li fil-bidu l-organizzaturi donnhom kellhom f'moħħhom aktar ċajta milli turnew serju, għall-inqas matul il-finali deher ċar li għall-kalċaturi stess din xejn ma kienet ħaġa taċ-ċajt. Wara t-telfa tagħhom xi wħud mill-plejers minn Żanżibar infexxu jibku, waqt li l-kowċ Ċiprijott qal lill-ġurnalisti, "Għalina dak kien turnew ta' veru. Ġejna hawn biex nilagħbu futbol. Irbaħna t-Tazza, u issa aħna kuntenti ħafna." Fl-2006 Ċipru ta' Fuq għadhom ma tilfux logħba "internazzjonali". Fost it-timijiet opponenti tagħhom kienu l-Kosovo, il-Kurdistan u l-Oċċitanja. Imma anki għat-Tibetjani, li b' 0:12 ġew l-aħħar fit-turnew, u sa dakinhar lanqas kellhom ċans jilagħbu f'grawnd kbir bħal dak, din kienet ħaġa serja ħafna. "Dawn huma tifkiriet li se jibqgħu magħna għal għomorna", qal wieħed minnhom.


Ħoloq:

Kummenti: 0

Itfa' kumment

<< Home