Meta ħasbuni Taljan u partitarju part-time ġie jitnejjek mill-penaltiż
Mid-dehera t-Taljani jaslu sal-finali tat-tazza tad-dinja kull tnax-il sena. Din l-istatistika tgħid ħafna dwar kemm qed jitgerbeb iż-żmien minn fuqi. Il-bieraħ kienet it-tielet finali li rajt lit-Taljani jilagħbu. Fl-82 kont G'Mangia, fid-dar ta' xi ħbieb tal-ġenituri li kellhom reception tat-televixxin tajjeb (araw hawn dwar ir-reception tat-televixxin fis-snin tmenin). Fin-94 naħseb (nenfasizza l-kelma "naħseb") li kont ir-Renos Bar, Tas-Sliema, mal-ħbieb. M'għandix tifkiriet ċari ta' dak il-werld kapp. U fl-2006 kont it-Tube ġewwa Lussemburgu, l-uniku partitarju "Taljan" ġo bar mimli Franċiżi. Tant hu hekk li xi nies (li dwarhom tkellimt fil-bloggata ta' qabel) ħasbuni Taljan ta' vera u jiena ma ppruvajtx inbiddlilhom il-fehma. Si si, stiamo giocando male, NO! NO! SI! SI! Lgħabtha tajba. Ma waqajtx offsajd (sibna xi kelma ġdida Maltija għal offside? Imżebbel, Maqluba?), lanqas darba, u ftit qabel ma bdew il-penaltiż żgiċċajt 'il hemm mingħajr qatt ma ndunaw li jiena Taljan minix u malli ħriġt mill-bar kważi kważi lanqas temmen, tlift kull interess fir-riżultat finali. Se tgħiduli, dan vera partitarju part-time ostja! U jkollkom raġun. Iżda, waqt il-logħba il-mutur żgħir ta' qalbi ma waqafx għaddej, bi kwietu imma persistenti. U fit-tieni taqsima, meta l-Franċiżi wrew li setgħu jiskurjaw, dak l-istess mutur ta' qalbi tela' tul griżmejja u qagħad f'ħalqi, lest għall-qabża - kif kważi jgħidu l-Ingliżi.
Mit-Tube, il-mixja sa l-inħawi tal-Gare (stazzjon tal-ferrovija) ddum xi għaxar minuti, jew, kemm idumu biex jingħataw il-penaltiż. Għax sa meta wasalt sa tal-Kebab (kelli l-ġuħ) faċċata ta' l-istazzjon, it-Taljani kienu għamluha. Campioni. Ħassejt ferħ, ma nistax ngħid li ma ħassejtx, imma meta tqabbel il-ġirja ta' tiġieġa b'rasha maqtugħa li kont għamilt tul il-kuritur tal-flat tal-ħbieb tal-ġenituri meta r-referi saffar l-aħħar tal-finali fl-82, il-bieraħ verament kont qisni tiġieġa mejta, kiesħa, lesta biex titpoġġa f'xi salad. Forsi intebħet fl-aħħar li rasha maqtugħa. U għallura għad niekol kebab u chips fil-ħanut tal-kebab quddiem it-televixxin tagħhom, li għal darba ma kienx fuq l-MTV Tork, u qagħad nara 'l Gattuso jiġri fil-grawnd bil-qalziet ta' taħt, u bil-kwiet nistad taħt il-wiċċ ta' qalbi għal ħuta emozzjoni ftit ikbar mill-goldfish ħelu imma patetiku li dan il-partitarju baqa' jżomm f'idu sakemm qam dalgħodu u qisu ma kien ġara xejn. Kapitlu magħluq. Daqshekk metafori ħżiena.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
u fl-2018?







Kummenti: 1
Kulħadd (subien insomma) jixtieq jilgħab fil-finali tal-werld kapp. Ikklikkjaw hawn u siru afu kif ghandkom taghmlu:
http://tonaz.altervista.org/zidane.html
Itfa' kumment
<< Home